Kummissjoni Ġimgħa Kbira

Għalkemm il-Kummissjoni Ġimgha l-Kbira ilha fis-seħħ għal dawn l-aħħar 15 il-sena, tajjeb li wieħed jifhem minn fejn ġejja din l-imhabba u it-tradizzjoni lejn il-Festi tal-Ġimgħa Mqaddsa fil-membri tas-Soċjeta` tagħna. F’din is-sezzjoni ħa mmorru lura fiż-żmien biex anke nieħdu idea tas-sehem tal-banda f’dawn il-festi, u minn fejn dan oriġina, sa l-ewwel passi li wasslu li tigi fformulata il-Kummissjoni Ġimgħa l-Kbira bl-organizzar tal-Wirja Ġetsemani.

Sehem Mużikali fil-Purcissjoni tal-Ġimgħa Mqaddsa

Il-liturġija għal żmien il-Ġimgħa Mqaddsa f’din il-Belt, sa mill-ewwel snin tas-Seklu Tmintax, kienet tinkludi purċissjoni bl-istatwi tal-Passjoni fit-toroq prinċipali ta’ din il-belt. Kif kienet id-drawwa, li aktarx daħlet hawn mal-wasla tal-Ordni ta’ San Ġwann, il-purċissjonijiet dejjem kienu jkunu mseħbin b’xi għamla ta’ mużika.

Sa minn kmieni fis-Seklu Dsatax imbagħad aktarx minħabba nuqqas ta’ banda lokali, fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira bdiet tieħu sehem banda militari. Parteċipazzjoni li ġiet fi tmiemha fl-1862, wara projbizzjoni mill-Kurja. Iżda jidher li fil-Birgu, il-parteċipazzjoni ta’ xi forma ta’ banda baqgħet ma ntmessetx għax hemm konferma li fl-1867 kienet ħadet sehem banda diretta minn Domenico Amore.

Jidher li, sa l-1875 il-projbizzjoni ta’ baned militari ma baqgħetx fis-seħħ. Minn rapporti li dehru fil-ġurnali jirriżulta li waqt il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira fil-Birgu, dik is-sena, kienet indaqqet kompożizzjoni funebri, li s-Surmast Privitera kien ikkompona għal din l-okkażjoni u ġie esegwit mill-Banda tal-R.M.F. Artillery. Mill-importanza li ngħatat din il-kompożizzjoni, hu probabbli li l-eżekuzzjoni ta’ mużika jew marċi funebri jidher li kienet xi ħaġa rari. Jista’ jkun ukoll li din tal-Birgu setgħet kienet l-ewwel waħda ta’ din ix-xorta. Dan joħroġ mill-fatt li l-Abate Dr. Zammit kien ħass il-ħtieġa li jagħti ġieħ lil Privitera billi għal din il-biċċa xogħol jiddedikalu epigramma bil-Latin, tant li fl-introduzzjoni għaliha kiteb għala għamel dan.

Mużika Sagra u Marċi Funebri

Mal-medda tas-snin, wara li l-banda li kien hemm f’din il-belt lejn l-1883 bdiet tissaħħaħ, il-parteċipazzjoni tagħha, minn dak iż-żmien, ma naqset qatt. Kompliet issaħħet aktar mal-wasla ta’ Mro. Gaetano Grech għax fi żmienu anke bdiet tagħmel programm fil-pjazza f’Ħadd il-Palm. Wieħed minn dawn il-programmi li baqa’ jissemma’ kien dak li għamel dan is-surmast, b’mużika komposta kollha minnu, fl-1905. Kif spiss kien jagħmel, Grech dakinhar idderieġa mingħajr partitura quddiemu u wara kull kompożizzjoni rċieva ovazzjoni mill-aqwa mill-folla li attendiet. L-aktar li spikkat dakinhar kienet is-sinfonija Pensiero Melanconico, li ġmielha wasal anke f’Catania tant li l-Accademia Reale di Bellini talbitu kopja tagħha.

Kien hemm żmien meta l-baned ma tħallewx jakkompanjaw fil-purċissjoni. Allura, fil-Birgu, l-banda kienet tagħmel programm b’mużika funebri fil-pjazza waqt li tkun għaddejja l-purċissjoni. Iżda meta ma nstabitx aktar oġġezzjoni għal dan, il-banda kienet tibda bil-marċi funebri qabel toħroġ il-purċissjoni u mbagħad tkompli takkompanja wara l-Vara l-Kbira l-kumplament tat-triq kollha, kif għadu jsir sallum. F’din il-belt, kien hemm drawwa qadima li l-banda, fi tmiem il-purċissjoni, tibqa dieħla ddoqq wara l-Vara l-Kbira fil-knisja u mbagħad toħroġ mill-bieb tal-ġenb lejn il-każin. Tradizzjoni li ġiet fi tmiemha fi żmien il-parrokkat tal-Kanonku Dun Lawrenz Mifsud, meta minflok tidħol fil-knisja, kienet tibqa’ tistenna bil-marċi funebri d-dħul tal-aħħar vara ħdejn il-kampnar il-qadim.

Il-Banda ddoqq fil-Ġimgħa l-Kbira
Il-Banda ddoqq fil-Ġimgħa l-Kbira

Sa minn snin ilu, mal-marċi funebri l-Banda esegwiet kompożizzjonijiet sagri klassiċi, bħal ma sar fl-1891. Dakinhar, Grech għamel dak li kien għamel Mro. Abela sentejn qabel f’okkażjoni oħra, meta esegwixxa l-iStabat Mater ta’ Rossini. L-istess kien għamel is-Surmast Paċifku Scicluna fit-tletinijiet, ftit wara li nagħta d-direzzjoni tal-Banda.

Meta fl-1914 il-Banda għaddiet taħt id-direzzjoni tat-Taljan Giumarra, dan introduċa marċi funebri ġodda komposti minnu bħal ma kienu Dolore, Mesto Ricordo, Sul Golgota, Fatalita’ u oħrajn. Il-folja nqalbet wara li wasal Mro. Carl M. Artz. Dan flimkien mal-marċi funebri u kompożizzjonijiet sagri tradizzjonali, żied oħrajn ta’ Schubert, Beethoven, Chopin u Amadei, li rari kienu qatt instemgħu fostna. Kien żmien meta l-Banda kienet għaddeja minn wieħed mill-aħjar żminijiet tagħha u mhux għalxejn kienet tiġbor dawk il-folol ta’ dilettanti kollha madwarha.

Saħansitra fi żminijiet transitorji, bejn tmiem il-kariga ta’ surmast direttur u l-ħatra ta’ ieħor ġdid, il-Banda xorta waħda żammet l-appuntament annwali tagħha. Hekk seħħ fl-1910 meta kienet immexxija temporanjament minn Ġużeppi Frendo. Dakinhar dan ħa l-okkażjoni biex iżanżan tnejn mill-marċi sbieħ tiegħu – Viaggio al Calvario u Le Tenebre. L-istess għamel Paċifku Scicluna fl-1924, wara li ntemmet it-tieni qagħda ta’ Mro. Giumarra fil-Birgu. Dik is-sena, Paċifku Scicluna kien ħa l-okkażjoni biex semma’ l-marċ ta’ Lorenzo Galea Sulla Tomba del Mio Fratello, li kien intlaqa’ tajjeb ħafna minn kulmin daħal il-Birgu dakinhar.

Impenn u Konsistenza

Il-Banda f'Ħadd il-Għid
Il-Banda f’Ħadd il-Għid

Wara l-isfrattu tal-gwerra li għaddiet, b’ħidmet is-Surmast Paċifku Scicluna u s-Segretarju ta’ dak iż-żmien Benedittu Dalmas, il-Banda tal-Palma qamet fuq riġlejha mill-ġdid. Kienet armata biżżejjed biex tieħu sehem, kif kienet għamlet sa mill-bidu tat-twaqqif tagħha, fl-ewwel purċissjoni ta’ wara l-gwerra li ħarġet fl-1944.

Baqgħet tagħmel dan sallum, ukoll jekk b’piż finanzjarju konsiderevoli. Saret eċċezzjoni f’dawk li ħarġu fl-1962 u l-1963. Minħabba tilwim li kien inqala’ bejn id-direzzjoni tal-Banda u l-kleru tal-parroċċa, f’dawk is-sentejn kienet daħlet il-Birgu l-Banda King’s Own. Dakinhar, il-Banda Beltija rreġistrat paġna ġdida fl-istorja tagħha għax aktarx li kienet l-ewwel darba li din ħadet sehem f’purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira bil-marċi funebri sbieħ li għandha fl-arkivju tagħha.

Il-marci funebri u kompożizzjonijiet sagri li bihom ipparteċipat il-Banda tal-Palma f’jiem il-Ġimgħa Mqaddsa ma’ jingħaddux. Fl-arkivju hemm lista twila ta’ marċi u kompożizzjonijiet sagri ta’ għadd ta’ kompożituri magħrufa, kemm barranin kif ukoll oħrajn Maltin bħal Bennate, David Gatt, Giumarra, De Michelis, Ġ.Frendo, P.Scicluna, Branchi, Delle Cere, Rossini, Ponchielli, Parmeggiani, Melilli, Kan. A. Fenech, Saint Sains, Bartolucci, Schubert, Giannini, L.Galea, H.H.Dalli, P.Schembri, Perosi, Beethoven u tant oħrajn.

Wirja Ġetsemani

Kristu fl-Ort tal-ĠetsemaniF’jiem il-Ġimgħa Mqaddsa, Is-Soċjeta’ Mużikali Vittoriosana San Lawrenz, ma’ tipparteċipax biss bl-akkompanjament fil-purċissjoni. Fl-1994, grupp ta’ dilettanti mis-Sezzjoni Żgħażagħ Palmiżi bidlu is-sala tal-kunċerti f’waħda ta’ esebizzjoni meta fiha saret wirja b’replika ta’ Mejda tal-Appostli fuq stil Lhudi, statwetti, ritratti u ħwejjeġ oħra b’rabta mal-Ġimgħa Mqaddsa. s-sena ta’ wara, inħolqot dik li ssejħet Wirja Getsemani, meta żdiedet statwa life size ta’ Kristu fl-Ort, xogħol Mikiel Camilleri Cauchi. Biex tinzamm it-tradizzjoni antika f’din il-belt, tlibbes ilbies reali, ħjata ta’ Ċettina u Marianne Pule’.

Dettal iehor mill-Ġetsemani

 

L-atmosfera tal-ġnien, xogħol il-kreattivita’ taż-żgħażagħ, kienet waħda tista’ ssejħilha perfetta. L-ambjent li nħoloq, riżultat tal-attenzjoni għad-dettalji, intgħoġob ħafna mill-għadd kbir ta’ nies li żaru l-wirja. Dan kompla jimmotiva liż-żgħażagħ għal aktar espansjoni fis-snin ta’ wara. Fis-sena 2000, ma’ Kristu żdiedu t-tliet appostli – Pietru, Ġakbu u Ġwanni, xogħol l-istess statwarju u l-istess ħajjata. L-għadd ta’nies li bdew iżuru l-wirja baqa’ jiżdied minn sena għal oħra u magħhom żdiedet il-ħajra tal-organizzaturi għal aktar espansjoni. Tant hu hekk li, sena wara, żiedet il-figura ta’ Ġuda.

Il-Flaġellazzjoni

Fl-2002 żdiedet dik tal-Qassis il-Kbir u Suldat, fl-2007 żdiedet il-Flaġellzzjoni, bi tliet persunaġġi, xogħol l-istatwarju żagħżugħ Vittoriosan Andrew Bugeja. Fl-2008 żdied episodju ieħor: Id-Daħla trijonfali ta’ Ġesu’ f’Ġerusalemm, segwit minn nies Lhud u bil-Qassisin jaraw b’xettiċiżmu din ix-xena. Din ix-xena hi xogħol l-istess statwarju, Andrew Bugeja. Ma’ dawn, hemm ukoll mejda tal-appostli fuq stil Lhudi. Hawnhekk inżammet wirja viċin l-oriġinali fejn wieħed jista’ jassisti għal kamra fuq stil antik bil-fuħħar. Id-dawl inemnem tal-kandilabru flimkien mal-imsiebaħ ikomplu jagħmlu din il-kamra attrazzjoni unika.

Sa mill-bidu tal-Wirja Getsemani, l-organizzaturi dejjem raw li din Il-Mejda tal-Appostliikollha ftuħ xieraq. Meta ma’ kienx xi kunċert mill-Banda Vitoriosana San Lawrenz, kien ikun hemm iż-żgħażagħ taċ-Ċentru b’xi silta mill-mużikal Jesus Christ Superstar bħal ma huma The Last Supper, Getsemane, u Hosanna. Fis-sena 2001, bil-kollaborazzjoni tal-organizzaturi tal-purċissjoni ta’ Ħaż-Żebbuġ, qabel il-ftuħ tal-Wirja, stakkament żgħir ta’ żgħażagħ lebsin ta’ suldati Rumani, bi tnejn minnhom rekbin iż-żwiemel, immarċjaw minn Triq It-Torri ta’ San Ġwann sal-pjazza biex inħolqot atmosfera addattata għall-okkażjoni.

Ftuħ tal-Wirja 2010 mill-Onor. Dr Chris Said

Fl-istess ħin, il-ftuħ dejjem sar minn persunaġġi distinti, fosthom Presidenti tar-Repubblika, Prim Ministri u Ministri diversi, kif ukoll Membri Parlamentari u persuni oħra ta’ relevanza għas-Soċjeta`. L-istess jista’ jingħad għan-numru ta’ membri parlamentari li f’xi sena jew oħra kienu fost il-viżitaturi distinti, flimkien ma’ kapijiet diversi tal-oppożizzjoni, membri Parlamenti Ewropej, persuni fil-korp diplomatiku eċċ.

 

Innovattiv kien il-ftuħ tal-Wirja Ġetsemani tal-2005, meta d-direzzjoni Id-Daħla ta' Kristu F'Ġerusalemmtas-Soċjeta’ ħadet l-okkażjoni biex permezz ta’ diski kompatti tesponi żewġ personalitajiet mill-Birgu li għamlu isem fil-qasam mużikali – il-Kanonku Luigi Fenech (1837-1905) u Miriam Gauci, sopran ta’ fama internazzjonali. Ma’ wħud mill-kompożizzjonijiet ta’ Fenech u l-interpretazzjoni ta’ diversi arie mill-opri minn Gauci, il-mużikologu Joe Vella Bondin għamel spjegazzjonijiet eruditi bħala introduzzjoni għalihom u għall-kompożizzjonijiet sagri oħrajn li nstemgħu bħal ta’ Pace, Pergolesi u Palestrina.

Il-Banda San Lawrenz fl-Oratorju tal-Kurċifiss

Għall-diversi snin, il-Profs. Manoel Pirotta kien is-Sumast direttur taż-żewġ orkestri li nawguraw il-wirja b’Akkademja Mużikali, qrib u fil-Knisja ta’ San Lawrenz. Qabel il-ftuħ tal-wirja tal-2007 idderieġa l-Euro Academy Orchestra u fis-snin ta’ wara permezz tal-University Junior College Orchestra, li fid-drabi kollha ġiet interpretata mużika mill-isbaħ. Il-Banda Vittoriosana San Lawrenz ukoll kienet protagonista f’diversi edizzjonijiet oħra, b’servizz taĠuda jirċievi l-flus mingħand il-Qassis il-Kbir‘ marċi funebri fil-Palazz tas-Soċjeta`, kif ukoll fl-Oratorju tal-Kurċifiss fis-snin riċenti.

Il-membri tal-Kummissjoni dejjem kienu qed jaħsbu kif tista’ tikber iktar din il-Wirja, u wara fti kreattivita` saret taqsima oħra ġdida. F’din it-taqsima naraw lil Ġuda jbiegħ lil Kristu, u ġiet inawgurata fl-2012. Fiha naraw lill-appostlu jirċievi l-flus mingħand il-qassis il-kbir. Ix-xenarju u l-istatwi f ‘din it-taqsima huma wkoll xogħol l-istatwarju Vittorjożan Andrew Bugeja. Interessanti ħafna hu li biex din setgħet issir, kellha tinbena struttura fil-gallarija ta’ fuq il-bitħa, għax propju dan l-istazzjon jinsab hemmhekk.

Fl-2015 u l-2016, il-Wirja Getsemani ħadet daqqa hekk kif din ma ntramatx bħas-snin ta’ qabel. Il-Kumitat Ċemtrali u l-Kummissjoni Ġimgħa Kbira fi ħdan is-Soċjeta` b’responsabbilta` ddeċidew li din il-Wirja ma ssirx, minħabba l-fatt li kieku ntramat, kien ifisser diversi xhur ta’ tħarbit tal-lezzjonijiet tal-banda. Is-Soċjeta` ppruvat tagħmel sħab ma għaqdiet oħra sabiex tintrama din il-wirja, imma lok tajjeb biex tintrama sħieħa baqa’ ma nstabx. Għaldaqstant, fl-2017 ġiet l-idea li partijiet minn din il-wirja jintramaw fis-sular ta’ isfel. Fil-fatt, rajna l-flaġellazzjoni armata fl-intrata tal-każin, fil-waqt li parti mill-Getsemani ġiet armata fil-kamra tal-kumitat, magħrufa bħala l-persjana. Kien esperiment li rnexxa tajjeb ferm, u kompla żied mal-atmosfera tant sabiħa ta’ dawn iż-żminijiet.

L-Għid il-Kbir

Il-parteċipazzjoni ta’ banda waqt iċ-ċelebrazzjoni esterna ta’ Jum il-Għid f’din il-belt tmur lura sekli sħaħ. Is-sehem ta’ banda, anzi tnejn waqt il-purċissjoni bl-istatwa ta’ Kristu Rxuxtat jikkonfermaha l-Kanonku Lanzon fid-djarju tiegħu għas-sena 1804.

Allura, dak li kien ilu snin li beda, ma setax jonqos li ma jkompluhx, aktar tard, il-baned li ġew iffurmati f’din il-belt fis-snin suċċessivi. L-anzjani jikkonfermaw il-parteċipazzjoni ta’ din il-Banda, sa minn meta kienet iġġib isimha L’Unione, bil-marċi ferrieħa wara l-istatwa tal-Irxoxt u l-allegrija li din kienet toħloq dakinhar. Dan il-Banda tal-Palma għadha tagħmlu sal-lum bil-marċi u valzi allegri tradizzjonali tul it-toroq prinċipali ta’ din il-belt. Manifestazzjoni ta’ ferħ li, sena wara oħra, tiġbed lejn il-Birgu folol kbar ta’ nies minn kull rokna ta’ Gżiritna.

 

 

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *