Il-Kult u l-Festa fil-Birgu

Lura fis-Snin

Tradizzjonalment jinżamm li l-qima lejn San Lawrenz f’din il-belt aktarx waslet fostna bejn l-1283 u l-1410, tul il ħakma Aragoniża ta’ GżirFil-Festa fi tmiem is-seklu dsataxitna, reġjun li fih twieled il-Qaddis. Qima li nġiebet fi xtut il-Birgu, kemm mill-baħħara Aragoniżi u kemm minn dawk Maltin, ġeneralment minn hawn, li x-xwieni tagħhom kienu jbaħħru minn u lejn dak ir-reġjun Iberiku. Devozzjoni li kompliet issaħħet tant li, mal-medda tas-snin, lilu ġiet iddedikata waħda mill-knejjes ta’ din il-belt u aktar tard, il-parroċċa li ssawret madwarha.

Mal-wasla tal-Ordni ta’ San Ġwann, fejn il-kavallieri Spanjoli kienu prominenti, il-festi f’ġiehu fil-knisja ddedikata lilu fil-Birgu ma setax jonqos li ma kinux isiru bl-akbar solennita`. Dawn kienu jiġu ċċelebrati mill-Gran Prijur bi tliet quddisiet, bil-vġili u bl-ottava. Nhar il-festa kienet issir purċissjoni solenni bis-sehem ta’ ħafna kavallieri u, xi drabi, bil-parteċipazzjoni tal-Gran Mastru. Prominenti fost dawn kien hemm il-Gran Mastri Perellos u Hompesch li għażlu li jieħdu l-pussess ta’ din il-belt nhar San Lawrenz.

Wara li l-Ordni ħalla l-Birgu

Ħjiel ta’ kif kienet tiġi ċċelebrata l-festa, wara li l-knisja parrokkjali reġgħet għaddiet għand il-kappillan tal-Birgu, instab f’dokument antik għas-sena 1662. Fih jidhru l-ħlasijiet li saru biex iddawlu t-toroq, għal-logħob tan-nar u għat-tiżjin tal-knisja bid-damask, li kien inkera mingħand il-fratellanza ta’ San Omobonu tal-Belt Valletta. Iżda maż-żmien, l-armar tal-knisja mhux talli ma baqax jiġi mikri, talli dak li sar ġdid beda jinkera lill-knejjes oħra. Barra minn hekk, meta l-poplu ġie mitlub jikkontribwixxi, minkejja li xi drabi kien jinħtieġ li biex jagħmel dan kien ikollu jagħmel sagrifiċċji kbar, dejjem għamel dak li seta’. Jixhdu dan l-opri artistiċi li l-knisja għadha mżejna bihom sallum; bħal ma huma l-pulptu, il-gallerija tal-orgni, il-bradella, il-pedestall u d-dalmatika tal-vara u magħhom il-bini tal-knisja monumentali tallum, flimkien mal-olterazzjonijiet, addizzjonijiet u tiżjin iL-Ark li żżanżan fil-festa tal-1890eħor li saru fiha aktar tard.

Mal-medda tas-snin, in-nies tal-Birgu tant komplew ikabbru l-festa li sa min-nofs is-Seklu Dsatax, l-Ottava tal-festa kienet tiġi ċċelebrata ftit anqas minn jum il-festa. Kienet issir illuminazzjoni ġenerali u kien ikun hemm il-logħob tan-nar, ġeneralment mixtri minn Sqallija. Ma’ dawn kienu żdiedu l-programmi mużikali mill-baned. Kien hemm żmien meta l-festa ta’ San Lawrenz kienet tiġi ċċelebrata daqs l-Imnarja; tant li l-għarus kien jintrabat li wara t-tieġ jieħu lil martu għall-festa ta’ San Lawrenz. Kienet festa ta’ fuq il-baħar, b’ħafna dgħajjes jimlew id-daħliet bejn il-Birgu u l-Isla u l-Birgu u l-Kalkara. Kien hemm snin meta, minbarra fil-Birgu, kien ikun hemm il-logħob tan-nar fix-xatt tal-Kalkara wkoll. Minflok tiġrijiet taż-żwiemel, kif isir fl-Imnarja, fil-festa ta’ San Lawrenz kienu jsiru t-tiġrijiet tad-dgħajjes u jingħataw il-paljijiet lir-rebbieħa. Fil-ġurnali antiki, il-festi ta’ San Lawrenz kienu jingħataw ċerta prominenza u b’hekk tintebaħ li kienu fost l-aktar popolari ta’ dak iż-żmien. Jista’ jkun li dan kien riżultat tal-mod organizzat li bih kienu jsiru. Sa min-nofs is-Seklu Dsatax kien ġa jinħatar kumitat organizzattiv b’ħames deputati taħt il-presidenza tal-Arċipriet.

Il-Purċissjoni

Tul is-snin, il-purċissjoni kienet saret waħda mis-sbieħ li kien hawn. Bħal ħafna purċissjonijiet ta’ dari, fiha kienet tispikka s-serjeta` u d-devozzjoni. Barra minn dan, il-fratellanzi kienu jagħtu dehra sabiħa bil-kunfratiji b’għamliet u kuluri differenti. U minn dawn il-Birgu ma kienx nieqes.

L-istatwa titulari ta' San LawrenzFi żminijiet aktar qrib, fis-snin ta’ qabel il-gwerra, fil-Birgu l-purċissjoni tal-festa kienet toħroġ fis-6.00 pm u tidħol fit-8.00 pm. Tul dawn is-sagħtejn kienet tgħaddi għall-Pjazza, tiġbed ‘il fuq fi Triq il-Mina l-Kbira għal fuq is-Sur tal-Kurdari u tkompli lejn Triq Santa Skolastika għal fuq is-Sur tal-Miratur, lejn il-Pjazzetta għal Triq San Lawrenz u lura fil-Knisja. Qabel mal-Ammirall kien għamel dak il-kolonnar quddiem il-palazzi li tneħħa xi snin ilu, sa minn żmien l-Ordni ta’ San Ġwann, il-purċissjoni kienet tgħaddi mix-Xatt. Meta tasal hawn, ir-relikwija ta’ San Lawrenz kienet tingħata salut bil-kanuni tax-xwieni sorġuti fil-port. Drawwa li, wara t-tluq tal-Ordni, kienet tkompliet sa l-ewwel snin tas-Seklu Għoxrin mill-kanuni ta’ Kastell Sant’ Anġlu.

Fuq quddiem nett tal-purċissjoni, kienet timxi wara l-istendard tagħha l-Fratellanza tal-Via Sagra. Warajha dik tal-Kurċifiss segwita minn dawk ta’ Santa Katerina, ta’ San Ġużepp, tal-Karita`, tal-Kunċizzjoni u fl-aħħar, il-Fratellanza tas-Sagrament. Wara l-Fratellanzi, kienu jimxu l-Patrijiet Kapuċċini mill-kunvent ta’ Santa Liberata u magħhom it-Terzjarji tagħhom, lebsin iċ-ċoqqa Franġiskana. Wara dawn kienu jimxu l-Patrijiet Dumnikani tal-Komunita` tal-Birgu. Wara s-Salib tal-Kleru kienu jimxu l-abbatini tal-parroċċa segwiti mill-qassisin u l-kappisti, il-mazzier u l-kanoniċi. L-aħħar, qabel l-istatwa ta’ San Lawrenz, kien jimxi l-Arċipriet, jew xi dinjitarju mistieden, bir-Relikwija tal-Qaddis bejn żewġ kappisti.

Baned u Mużika f’Festi Partikulari

Hekk kif għadda nofs is-seklu dsatax, il-mużika fuq barra ma kinitx tagħmel għajb lil dik esegwita fil-knisja. Kienet tieħu sehem bi programmi mużikali varji l-ewwel banda mwaqqfa fil-Birgu La Vittoriosa, jew kif magħrufa aktar Ta’ Ljun, taħt is-surmastrijiet Filippu Galea u Paolino Vassallo. Baqa’ jissemma s-sehem ta’ din il-banda f’jiem il-festa ta’ San Lawrenz iċċelebrata fl-1877, meta lejlietha mal-banda ssieħeb kor tat-tfal biex iżżanżan innu lil San Lawrenz, versi ta’ Giovanni Pace u mużika tal-Isqalli Mro. Giuseppe Privitera. Jidher li kien Innu apprezzatIl-Bandalora Artistika u ntgħoġob għax sa wasal li jiġi esegwit mill-Banda Għawdxija La Stella fil-festa ta’ San Lawrenz f’Għawdex iċċelebrata fl-1922.

Aktar tard, fin-nuqqas ta’ banda lokali, kienu jidħlu l-aħjar baned tal-mument bħal La Valette, San Giorgio ta’ Bormla, I Cavalieri di Malta ta’ Tas-Sliema u xi drabi La Vincitrice tal-Isla. Ħafna minnhom żammew l-impenn tagħhom ukoll wara l-perjodu ta’ riorganizzazzjoni tal-banda ta’ din is-Soċjeta’. Mal-medda tas-snin, bdew jidħlu wkoll il-Baned Prince of Wales aktar tard King’s Own tal-Belt, l-Unione ta’ Ħal Luqa u l-baned Żabbarin San Michele u Maria delle Grazie.

Mal-baned Maltin kien ikun hemm ukoll dawk militari tar-reġimenti stazzjonati f’pajjiżna. Dawn fil-festa ta’ San Lawrenz, tista’ tgħid li kienu jkunu regolari. Fost dawn insibu dik tal-R.M.A, fil-biċċa l-kbira taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Bartoli. L-oħra Maltija wkoll tar-Reale Milizia Maltese, li taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Doneo kienet tispikka bl-interpretazzjonijiet ta’ għażliet mill-opri popolari ta’ dik il-ħabta. Fost il-baned Ingliżi baqgħu jissemmew il-prestazzjonijiet li kienu jagħtu dawk ta’ Shropshire Regt., tar-Royal Irish Rifles, tad-Duke of Connought Regt., tal-Queen’s Own Regt, il-King’Own Royal Lancaster Regt., id-Dorset Regt. u dak tal-Worcesters.

Minn rapporti li kienu jidhru fil-ġurnali antiki, tieħu ħjiel tal-postijiet fejn il-baned kienu jagħmlu l-programmi tagħhom. Fil-Pjazza, kemm lejlet il-festa u kemm f’nharha, kien ikun hemm tlieta. Waħda minnhom bi programm fl-4.30.pm u t-tnejn l-oħra aktar tard. Nhar il-festa, imbagħad, kien ikun hemm banda ħdejn l-Għassa tal-Pulizija, li kienet fi Triq in-Nofsinhar kantuniera mat-triq tal-Lunzjata, oħra fuq is-Sur tal-Kurdari, oħra qrib il-Knisja tal-Lunzjata, banda x-Xatt ta’ San Lawrenz, oħra qabel taqbad it-telgħa tal-pjazza, (illum Triq Nestu Laiviera) u banda oħra fuq is-Sur tal-Miratur.

Folla madwar il-Banda fi Żmien ArtzNaħseb li waħda mill-festi importanti fl-istorja tal-Banda Vittoriosana San Lawrenz kienet dik tal-1897, meta kienet iġġib l-isem ta’ Duke of Edinburgh. Dakinhar, lejlet il-festa, il-Banda, imsieħba minn kor ta’ tfal, daqqet għall-ewwel darba l-innu marċ A San Lorenzo, magħruf aktar fil-Birgu bħala ta’ Frendo. Dan l-innu marċ, b’versi ta’ Giovanni Pace, li tant iqanqal entużjażmu meta jiġi nterpretat mill-banda f’jiem il-festa, kien kompost minn Gużeppi Frendo, wieħed mill-bandisti prominenti tal-Banda Duke of Edinburgh, li aktar tard inħatar ukoll assistent direttur tagħha. Dan l-innu marċ tant kien intlaqa’ tajjeb dik il-lejla li, fuq insistenza tal-kotra kbira ta’ nies li kien hemm madwar il-planċier, kellhom jirrepetuh darbtejn.

Wara li Mro. Artz ħa t-treġija tal-Banda, kienet inqalbet paġna ġdida. Fi żmienu, il-marċi tradizzjonali, qajl qajl, bdew jittpoġġew fuq l-ixkaffa u minflokhom Artz introduċa oħrajn ġodda barranin, li rari kienu nstemgħu qabel. Konferma ta’ dan hemm il-marċi li daqqet il-Banda fil-Marċ tat-Te Deum fil-festa tal-1926. Dawn kienu jinkludu l-Kosekeu March ta’ R. Sperker, il-Marcia Andaluza Belmonte ta’ Cerdan, il-marċ militari United Flags ta’ Max Gabriel u Bayrischer Avancienmarch ta’ Van A Scherzer.L-istess kien sar fil-festa ċċelebrata fl-1907, meta Mro. Giumarra iddebutta mal-Banda Duke of Edinburgh bl-innu tiegħu A San Lorenzo, b’versi tal-istess Pace. Mal-banda kienu ħadu sehem it-tenur Bacci u l-baritonu Duca, it-tnejn tat-Teatru Rjal, flimkien ma’ kor iffurmat minn żgħażagħ mill-Birgu.

Xi Festi bi Ġrajjiet Partikulari

Apparti ż-żewġ festi ġa msemmija, li fihom ħadu l-pussess ta’ din il-belt iż-żewġ Gran Mastri, kien hemm oħrajn li fihom seħħew ġrajjiet mhux tas-soltu jew fihom inbidlet jew daħlet xi għamla ta’ devozzjoni inkella xi drawwa jew xi forma ta’ dekorazzjoni ġdida, li maż-żmien saret parti integrali mill-festa tal-lum. F’oħrajn ġiet inawgurata xi opra ġdida fil-knisja, jew xi ħaġa mhux tas-soltu fuq barra. Impossibbli li jissemmew kollha, iżda jkun interessanti li nagħtu ħarsa ħafifa lejn uħud minnhom li seħħew meta l-festa, xi ftit jew wisq, kienet tiġi ċċelebrata fuq l-istess linji tal-lum.

Dik iċċelebrata fl-1885 hi kkaratterizzata biż-żieda ta’ fratellanza ġdida, li pparteċipat għall-ewwel darba fil-festa. Dik is-sena, kienet ħadet sehem għall-ewwel darba fil-purċissjoni l-Fratellanza tal-Via Sagra. Għall-okkażjoni kien assista minn fuq it-tron l-Isqof Buhagiar li, meta l-fratelli kienu ħerġin sejħilhom quddiemu u waqt li ferħilhom, berikhom individwalment.

Santu Rokku ma' San Lawrenz fil-Purċissjoni tal-FestaFtit insibu snin li fihom il-festi esterni ma sarux jew dawk fil-knisja ċċelebrati b’mod inqas solenni. Fost dawn il-ftit hemm dik tal-1887, meta ftit jiem qabel, tfaċċat epidemja tal-kolera. Il-festi esterni ma sarux u bil-flus li kienu nġabru għalihom, kien inxtara l-ħobż biex tqassam lill-foqra. Għalkemm il-purċissjoni ħarġet, ingħatat bixra penitenzjali. Tul it-triq kollha saret ir-reċita tar-Rużarju. Wara wiegħda li kienet saret, minn dik is-sena u għal xi snin wara, mal-istatwa ta’ San Lawrenz kienet tinħareġ ukoll dik ta’ Santu Rokku.

Dik is-sena, minbarra lejn Santu Rokku, in-nies ġiet imħeġġa tirrikorri wkoll lejn San Lawrenz. Fil-ġurnali dehret rakomandazzjoni biex nhar San Lawrenz filghodu, kull min seta’, fuq il-bejt jew fit-triq, kellu jqabbad ħuġġieġa b’injam, jekk miżbugħ aħjar, flimkien ma taħlita ta’ kubrit u żift. Dan sar biex, kif inkiteb, bl-interċessjoni ta’ San Lawrenz, id-duħħan li joħroġ mill-ħuġġieġa jelimina l-mikrobi li jkun hemm fl-arja!

Festa ta’ importanza notevoli hi dik iċċelebrata fl-1889. Dik is-sena, wara ż-żmien ta’ riorganizzazzjoni li għaddiet minnu, ħadet sehem għall-ewwel darba l-Banda Unione ta’ din il-belt u magħha żviluppi ġodda fil-festa. Qed nirreferi għall-marċ popolari magħruf fil-Birgu bħala tal-Mota, li jsir lejlet l-ewwel jum tan-Novena, u għall-marċ ta’ lejlet il-festa filgħodu magħruf bħala tat-Te Deum. Kien fir-rapporti tal-festa ta’ din is-sena li dawn issemmew għall-ewwel darba u għalhekk nistgħu nikkonkludu li dawn aktarx bdew dik is-sena. Din hija xhieda tal-progress li kienet għamlet din il-banda wara li ġiet riorganizzata u fl-istess ħin juri r-rabta daqstant bikrija tal-Banda tal-Palma mal-festa ta’ San Lawrenz.

L-Istatwa ta' San Lawrenz kif waslet il-BirguŻvilupp importanti ieħor seħħ sena wara, meta kien qed jiġi ċċelebrat it-Tmien Ċentinarju tal-Parroċċa fl-1890. Dik is-sena saret għall-ewwel darba d-dimostrazzjoni marbuta mat-tlugħ ta’ statwa fuq kolonna. Din rat il-bidu tagħha dik is-sena bl-istatwa tal-Papa Urbanu, li ‘llum tintrama ħdejn il-Monument tal-Ħelsien. Kienet tittella’ fi Triq Desain, fejn illum hemm il-każin tal-Vittoriosa Stars. Din l-istatwa baqagħet tintuża waqt din id-dimostrazzjoni sakemm saret l-istatwa ta’ San Lawrenz jagħti d-Dawl lill-Għomja fl-1896. Għalkemm San Lawrenz, baqa’ jittalla’ waqt il-marċ tat-Te Deum, mill-1905 minflok fid-Daħla beda jittalla’ fejn jiġi mtalla’ llum, bid-dimostrazzjoni tibda minn fejn Admiralty Gate, f’tarf Triq San Lawrenz. Dan baqa’ jsir għal ħames snin, għax mill-festa ċċelebrata fl-1911, minflok waqt il-marċ tat-Te Deum, l-istatwa bdiet tittella’ fl-Antiviġilja, kif baqa’ jsir sal-lum. Hemm il-probabbilita` allura, li minn dik is-sena, waqt il-Marċ tat-Te Deum, minflok tittalla’ l-istatwa, daħlet id-drawwa folkloristika esklussiva f’’din il-festa – il-Ftuħ tal-Ballun, li meta dan jinfetah joħorġu jittajru minnu għadd ta’ għasafar.

Żvilupp importanti ieħor fil-festa f’din il-belt ġie fis-seħħ minn dik iċċelebrata fl-1922. Minn dik is-sena bdew jiġu ċċelebrati l-Għaxar Erbgħat qabel il-festa ta’ San Lawrenz, kemm fil-knisja kif ukoll fuq barra. Id-devozzjoni tal-Għaxar Erbgħat ta’ San Lawrenz giet istitwita mill-Papa Alessandru II fl-1702. Għalkemm pjuttost tard, meta kienet qorbot il-festa tas-sena msemmija, tħabbar li minn dik is-sena, din id-devozzjoni ser tidħol fil-Birgu wkoll.

Nhar l-Ewwel Erbgħa, li ħabat fl-24 ta’ Mejju, ġie mfakkar billi fis-6.00 am, ġiet iċċelebrata Quddiesa Kantata. Filgħaxija, wara r-Rużarju, il-Kanonku Ġammari Farrugia niseġ diskors fuq il-glorji ta’ San Lawrenz u fisser il-għan li għalih qed issir din iċ-ċelebrazzjoni. Il-funzjoni kompliet bir-reċita tal-Kurunella u wara din tkantaw l-Innu u l-Antifona akkompanjati minn orkestra armata sewwa. Il-lejla ġiet fi tmiemha bil-Barka Sagramentali.

Waqt wihed mill-Programmi ta' Lejliet il-FestaFuq barra, iċ-ċelebrazzjonijiet bdew ġurnata qabel. Nhar it-Tlieta filgħaxija, il-Banda Duke of Edinburgh u l-Banda San Giorgio ta’ Bormla għamlu marċ a la Veneziana tul it-toroq prinċipali u wara bdew żewġ programmi fil-pjazza. Dik Bormliża, ta]t id-direzzjoni ta’ Mro. Hare, interpretat għażliet mill-opri, fosthom il-Vespri Siciliani, il-Poliuto u mill-La Boheme. Dik tal-Birgu, taħt Mro. Giumarra, ħarġet b’għażliet min-Nabucco, La Boheme, La Pace u mill-Aida. L-għada, id-Duke of Edinburgh daqqet programm speċjali fil-pjazza meta ddebuttat il-Fergħa tas-Saxaphones, li kienet twaqqfet fiha ftit qabel.

Fl-1929, flimkien man-nies tal-Birgu kienu ċċelebraw il-festa għadd ġmielu ta’ Għawdxin, li kif ġie rrapurtat, ġew bħala pellegrinaġġ mir-raħal ta’ San Lawrenz. Waslu nhar il-festa kmieni filgħodu u ftit wara kellhom quddiesa bil-fervorin. Fiha kienet saret dik li ssejħet tqarbina Ġenerali. Magħhom kienet ġiet il-Banda La Stella tal-Belt Victoria, li nhar il-festa filgħaxija kienet għamlet programm fil-Pjazza taħt id-direzzjoni tas-Surmast Giardini Vella. Kien intgħoġob ħafna l-mod ta’ kif interpretaw l-intermezz mill-Amico Fritz, li kien intlaqa’ b’ħafna ċapċip mill-folla li nġabret madwar il-planċier tagħha.

Il-Paġna li jmiss >>

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *