Il-Banda Barra minn Xtutna

Wara l-progress li għamlu seklu ilu, is-Soċjetajiet Mużikali tagħna ikkontribwew mhux ftit għall-iżvilupp soċjo-kulturali-edukattiv tal-ibliet u l-irħula tagħna. F’kull belt jew raħal kien isir kull sforz biex il-Każin tal-Banda jiddistingwi ruħu u jara li jkollu banda armata kif imiss u xejn anqas minn dik ta’ bnadi oħra. Il-fama tajba ta’ wħud minnhom mhux biss saret magħrufa hawn Malta, iżda kienet toħroġ ‘il barra minn xtutna wkoll. Dan wassal biex uħud minnhom bdew jiġu mistiedna jagħmlu programmi barra minn Malta. Waħda minn dawn kienet il-Banda tagħna li, bil-mawriet tagħha barra, uriet li kienet fost l-aktar baned armati u popolari ta’ dawk iż-żminijiet. Kulfejn marret dejjem ħarġet bl-unuri kollha, kif jixhdu r-rapporti li dehru wara, kemm fil-ġurnali lokali kif ukoll f’dawk barranin.

L-ewwel fost dawn kellha tkun dik li ġiet deskritta bħala Gita di Piacere flimkien mal-Banda, li kellha tagħmel programm mużikali f’Catania. Il-kontinġent kellu jitlaq is-Sibt 3 ta’ Settembru 1898 u jiġi lura t-Tnejn ta’ wara. Iżda għal xi raġuni, din il-mawra ma rnexxietx.

F’Catania

Il-fama tajba li kellha l-Banda tal-Palma f’Catania baqgħet konsistenti fis-snin li ġew wara. Fis-sajf tal-1903, reġgħet, ġiet mistiedna biex titla’ tagħmel programmi f’dik il-belt. L-istedina kienet waslet qrib il-festa ta’ San Lawrenz u kien hemm diversi diffikultajiet li riedu jintgħelbu. Fost dawn kien hemm dik li ma kienx hemm żmien biżżejjed ħlief għal erba’ kunċerti, għax l-istedina kienet għall-aħħar ġimgħa t’ Awissu. Iżda l-kumitat u l-bandisti daħlu għall-isfida u bdew minnufih il-preparamenti meħtieġa.

Il-fondi għal mawra bħal din kienu ta’ uġiegħ ta’ ras ukoll. Minħabba li ż-żmien kien daħal, kien hemm il-biża’ ta’ nuqqas ta’ konkorrenza min-nies. Din kienet importanti għax minn hemm riedu jiġu parti mill-ispejjeż. Iżda għal dan kienu daħlu żewġ ammiraturi tal-Banda, li għamlu tajjeb biex il-vapur tal-passiġġieri seta’ jinkera kmieni. Ma’ sbieħ is-Sibt 22 ta’ Awissu, id-Duke of Edinburgh, imsieħba minn numru t’ ammiraturi, kienet fi triqitha lejn Catania.

Fuq il-moll ta’ Catania inġemgħet folla kbira tistenna l-wasla tal banda Maltija. Kif il-vapur ittrakka mal-art, id-Duke of Edinburgh sellmet lill-folla bl-Innu Nazzjonali Taljan. ġest li ntlaqa’ b’applawsi kbar. Wara, il-Maltin u l-Isqallin tħalltu flimkien wara l-Banda li, fi triqitha lejn il-Palazz tal-Muniċipju, allegrathom b’marċi brijużi. Mal-wasla fil-Muniċipju, intlaqgħu mill-Awtoritajiet ta’ Catania u ngħataw merħba permezz ta’ riċeviment.

Il-Ħadd il-banda għamlet programm fuq iz-zuntier tal-Katidral ta’ Sant’Agata. Filgħaxija, il-bandisti kienu għal-lest fuq il-planċier ġo Villa Bellini biex jibda l-programm prinċipali, li għalih il-banda kienet ġiet mistiedna. Billi dan il-programm mill-banda Maltija kien ingħata prominenza mill-ġurnali Kataniżi, madwar il-planċier inġabret folla kbira. Il-Banda bdiet bis-sinfonija Ricordo a Bellini ta’ Mercadante, segwita minn kompożizzjonijiet oħra tas-Surmast Grech. Dawn intlaqgħu b’applawsi kbar. Xogħlijiet is-surmast Grech kienu ntlaqgħu tajjeb ħafna, tant li waqt din iż-żjara kien inħatar Membro Accademico Circolo Real Bellini.

Wara dawn kien imiss Selezzjoni mill-Mefistofele ta’ Boito. Il-banda Vittoriosana kompliet il-programm bil-Preghiera alla Beata Vergine. Wara l-Preghiera kien imiss Selezzjoni mill-opra Faust. L-interpretazzjoni tas-Serenata The Warbles ta’ Hume kienet intgħoġbot ferm mill-Kataniżi u ġiet deskritta bħala impekkabbli. Dan kien aktarx dovut għall-fatt li, f’parti minnha xi wħud mill-bandisti kienu jwarrbu l-istrumenti tagħhom u minflok jibdew isaffru. Hu magħruf li, għall-mod stupend li bih kienu jsaffru, dan il-passaġġ kien ikun mistenni ħafna. Kif din intemmet, il-folla preżenti nfexxet iċċapċap bla waqfien, kontinwament jitolbu l-bis. Minkejja li kien sar il-ħin, is-surmast Grech ikkuntentahom u din id-darba, mal-applawżi żdied il-ħruq ta’ suffarelli u l-mixegħla ta’ gassijiet kuluriti. Il-programm intemm bl-Innu Nazzjonali Taljan u, billi konna għadna kolonja Ingliża u l-Innu Malti kien għadu ‘l bogħod, indaqq il-God Save.

Għalkemm il-lejl kien daħal ġmielu, il-Banda mmarċjat tul it-triq kemmxejn twila lejn il-port iddoqq il-marċi, li l-Isqallin tant kienu jħobbu. Il-banda u l-ammiraturi tagħha waslu lura Malta it-Tnejn filgħodu u ngħataw merħba kbira mill-għadd kbir ta’ qraba li nizlu jistennewhom ix-Xatt ta’ San Lawrenz.

F’Palermo u Messina

F’nofs l-1904, l-banda kienet ġiet mistiedna biex tagħmel programmi f’Messina u Palermo, tnejn mill-akbar bliet ta’ Sqallija. Din il-mawra tal-Banda f’dawn iż-żewġt ibliet importanti ngħatat prominenza ġmielha fl-istampa lokali. Il-Banda Duke of Edinburgh, flimkien ma’ għadd t’ ammiraturi, ħalliet Malta fil-21 ta’ Lulju u waslu Palermo l-għada. Fuq il-moll sabu tistenniehom il-Banda Muniċipali ta’ Palermo. Minn fuq il-gverta tal-vapur, il-banda Vittoriosana sellmitilha bl-Innu Nazzjonali Taljan. L-Isqallin irreċiprokaw bil-God Save.

Il-Bandalora mogħtija lill-Banda f'Palermo

Wara l-iżbark, iż-żewġ baned immarċjaw idoqqu marċi brijjużi flimkien għal fejn jinstab midfun il-Konti Ruġġieru, fost iċ-ċapċip tal-folla li nġabret. Mal-wasla fil-katidral, intlaqgħu minn Mons. Mazzola. Mill-knisja, il-Banda Vittoriosana kienet mistiedna fil-Palazz Muniċipali, fejn ingħatat merħba mill-Pro Sindaco. L-għada, il-Banda Duke of Edinburgh, taħt id-direzzjoni tas-surmast tagħha Gaetano Grech, għamlet programm fit-Teatro Biondo. Waqt l-intervall, wara indirizz mill-Professur Enrico Scala ġiet ippreżentata lill-Banda bandalora bl-istemma ta’ Palermo b’iskrizzjoni b’ħajt tad-deheb:

Impresa del Teatro Biondo e Cavalier Pierantoni alla Filarmonica Duke of Edinburgh – Luglio 1904

L-għada, il-Banda daqqet programm ieħor, din id-darba, fi Piazza Foro Umberto. Ma’ tmiem il-programm, il-kontinġent irħielha lejn Messina. Hemmhekk sabu tilqagħhom il-Banda tal-Muniċipju, li wasslithom sad-Duomo famuż ta’ dik il-belt biex jattendu għaċ-ċelebrazzjoni ta’ quddiesa. Fl-aħħar jum tal-kontinġent Vittoriosan fi Sqallija, il-Banda għamlet programm ta’ siegħa u nofs, sa ma wasal ħin l-imbark. Programm li ntemm b’applawsi kbar u l-għajjat ta’ “Viva l-Maltin” mill-folla kbira li nġabret madwarhom. Impressjonati bil-laqgħa sabiħa li kellhom fi Sqallija, il-banda u l-ammiraturi tagħha ħallew Messina lura lejn Malta sodisfatti li servew t’ ambaxxaturi denji ta’ pajjiżhom billi wrew b’mod innegabbli l-livell għoli li kienu laħqu l-baned Maltin fl-arti mużikali.

Il-Mawra f’Tuneż

Waqt iż-Żjara tal-Banda f'Tuneż

Il-fama mill-aqwa li kisbet il-Banda fi żmien Artz waslet ukoll fil-kontinent Afrikan. F’April tal-1927, ġiet mistiedna mill-kolonja Maltija ta’ Tuneż għall-festi reliġjużi u ċivili li kellhom jibdew f’Mejju. Il-kumitat aċċetta l-istedina u fil-31 ta’ Mejju, il-Banda flimkien ma’ għadd t’ ammiraturi imbarkaw lejn Tuneż. Kif waslu hemm, sabu jilqgħuhom ħafna Maltin li komplew jakkompanjawhom waqt iż-żjarat li għamlu lill-Gvernatur, lill-Konslu Ingliż u lill-Bej ta’ Tuneż wara li niżlu ‘l art.

L-ewwel programm il-Banda għamlitu fil-lokalita` magħrufa bħala Phjara. Mro. Artz kellu fiduċja sħiħa fl-assistent tiegħu Paċifku Scicluna, tant li l-ewwel programm fdah f’idejh. Hawn l-Assistent Direttur idderieġa mużika ta’ kompożituri Maltin flimkien ma’ oħrajn ta’ Verdi, Brahms u Gounod.

It-tieni programm sar f’wieħed mill-isbaħ teatri tal-belt ta’ Tuneż – it-Teatro Alhambra. Dik il-lejla kienu preżenti l-ogħla uffiċjali tal-belt. Mro. Artz ippreżenta l-kompożizzjoni tiegħu Lil Malta, dik ta’ Nicolo Isuoard Avviso ai Maritati u r-Rosenkavalier ta’ Strauss. Is-Sinjura Artz għamlet il-parti tagħha wkoll billi interpretat diversi arie u kanzunetti akkompanjata minn żewġha fuq il-pjanu. Il-kunċert kien spiċċa bis-soliti diskorsi tal-okkażjoni u għoti ta’ rigali u wara bid-daqq tal-God Save u l-Innu Nazzjonali Franċiż. Wara, il-Maltin ta’ Tuneż kienu taw pranzu għall-membri tal-kumitat u l-bandisti li għalih ġew mistiedna l-Uffiċjalita` ta’ Tuneż u l-Konslu Ingliż.

L-aħħar programm sar fil-Belvedere ta’ Tuneż, fejn fir-repertorju għal dakinhar, Artz kien inkluda l-kompożizzjoni ta’ Respighi Le Fontane di Roma, li ntlaqgħet b’applawsi kbar, li komplew fit-tul wara li l-Banda ġiet ippreżentata bi stendard mill-Maltin li kienu jgħixu hemm.

Wara li dawn il-mawriet kienu suċċess, fl-istess żminijiet waslu stediniet oħra, iżda għal diversi raġunijiet, dawn ma setgħux jintlaqgħu. Kemm il-gwerra tal-1914 u kemm l-oħra ta’ warajha sfrattaw pjanijiet li kien hemm għal mawriet oħrajn. Fost dawn kien hemm dik li saret lill-Banda sentejn qabel it-Tieni Gwerra dinjija. Din waslet mingħand id-direttur J.C. Bonnici ta’ Ville de Tunis, biex tieħu sehem f’Konkors Internazzjonali tal-Mużika li kellu jsir bejn is-16 u t-18 ta’ April 1938. Kienet ħasra ukoll li fl-1998, il-parteċipazzjoni għall-ewwel darba minn wara l-gwerra ta’ din il-Banda ma rnexxietx. Konkors għall-baned, li ġiet mistiedna biex tieħu sehem fih, li kellu jsir f’Como, l-Italja, f’Lulju ta’ dik is-sena, kien tħassar minħabba xi diffikultajiet li ltaqgħu magħhom l-organizzaturi.

Skambju Mużikali

Kellhom jgħaddu diversi snin oħra sakemm din l-esperjenza ta’ safra bil-Banda reġgħet ġiet esperjenzata. Pero` din id-darba kienet b’differenza, għaliex is-Soċjeta` Mużikali San Lawrenz stiednet Banda Barranija għall-Festa ta’ San Lawrenz 2010 – Il-Philharmonie Royale Concordia minn Ottignies, Belġju. Din il-banda Belġjana kienet Malta bejn il-5 u 12 t’Awwissu, filwaqt li l-Banda Vittoriosana San Lawrenz ser tagħmel iż-żjara tagħha bejn il-11 u 18 ta’ Diċembru.

Vittoriosa in Festa 2010Waqt iż-żjara f’Malta, il-Philharmonie Royale Concordia daqqet ġewwa r-raħal ta’ San Lawrenz, Għawdex, darbtejn il-Birgu bħala parti mill-Festa ta’ San Lawrenz u tat Programm Mużikali ieħor ġewwa Marsaxlokk. Barra minn hekk, saru diversi żjarat ta’ natura kulturali bħal Belt Valletta, Mdina, il-Kottonera, Blue Grotto u t-Tempji ta’ Ħaġar Qim u Mnajdra. Ta’ min isemmi il-Programm Mużikali Vittoriosa in Festa, li sar fis-7 t’Awwissu, fejn iż-żewġ baned daqqew flimkien fuq il-Planċier Meravilja quddiem pjazza maħnuqa bin-nies. Fl-10 t’Awwissu, inżamm pranzu uffiċjali ta’ dan l-iskambju bjen l-uffiċjali u l-membri ta’ dawn iż-żewġ baned.

Philharmonie Royale Concordia

Fl-1860, fil-Belt ta’ Ottignies, grupp żgħir ta’ persuni xtaqu li flimkien “jivvintaw” il-mużika. Din il-ħolma saret realta` sentejn biss wara, għax fl-1862, dan il-grupp ifforma banda żgħira taħt l-isem ta’ “Fanfare des amis réunis et de la concorde”. Din il-banda l-ġdida bdiet tipparteċiepa f’diversi festivals mużikali, bħaċ-Ċelebrazzjonijiet li saru biex jimmarkaw il-Ħamsin Anniversarju mill-Indipendenza tal-Belġju. Iktar tard, dan il-grupp mużikali biddel ismu għal “Fanfare Concordia”. Fil-bidu tas-Seklu 20, il-Banda bl-iseem ta’ “Fanfare Concordia” iċċelebrat l-40 sena mit-twaqqif tagħha u ir-Re tal-Belġju Leopold II ta it-titlu “Royale” lill-banda. Fil-bidu tas-snin 60, Marcel Ancion, li ggradwa fil-Konservatorju ta’ Brussell u kien is-Solista fit-Teatru de la Monnaie, leħaq bħala Surmast Direttur tal-Banda “Royale Fanfare Concordia”.

Id-dinamiċita` u il-professjonalita` ta’ dan is-Surmast Direttur tat lil-banda enerġija ġdida li ssarraf fi Progress kbir. Filfatt, din il-banda bdiet iżżid l-attivitajiet tagħha billi organizzat kunċerti, ħadet sehem u organizzat f’Kompetizzjonijiet Mużikali, organizzat Tours u saħansitra anke irrekordjat mużika għall-Films. Filfatt, ir-rekordjar tal-film “The Smurfs” ta lill-banda suċċessi kbar li ssarrfu f’ popolarita` assoluta. Propju f’dan iż-żmien ukoll il-banda fetħet il-bibien tagħha għall-Tfal u żgħażagħ studenti minn skejjel mużikali tal-inħawi. Fl-1978, il-Banda ingħatat l-isem preżenti tagħha, “Philharmonie Royale Concordia” u pparteċipat fil-Logħob ta’ mingħajr Fruntieri, ferm popolari mal-Ewropa kollha, f’Arosa, l-Isvizzera. Fl-1985, il-PRC ipparteċipat ukoll f’Kompetizzjoni Mużikali Internazzjoni li saret ġewwa l-Lussemburgu. F’din il-Kompetizzjoni, din il-Banda ġiet ikklassifikata fl-ogħla kategorija.

Il-Banda daqqet ukoll f’diversi pajjiżi Ewropej bħal Sheffield u Hyde ġewwa l-Ingiltherra, Chenôve u Rennes ġewwa Franza, Trier ġewwa l-Ġermanja u Clervaux fil-Lussemburugu. Barra minn hekk, il-PRC kienet involuta f’diversi skambji mużikali li saru fil-Ġermanja (Emmerthal u Esslingen) u Franza (Jassans). Kien propju f’dan iż-żmien, fl-1984, li il-“Philharmonie Royale Concordia” irrekordjat it-Tieni Album tagħha. Fl-1987, din il-banda ċċelebrat il-125 sena mit-twaqqif tagħha u għal din l-okkażjoni, bil-kollaborazzjoni tal-pjanista magħruf Daniel Blumenthal, ġie irrekordjat Album ieħor, li hu meqjus bħala Prestiġġjuż.

Fl-aħħar tas-snin 80, il-PRC ikkompetiet għal darb’oħra fl-ogħla kategorija ta’ kopetizzjoni mużikali li inżammet ġewwa Garmisch-Partenkirchen, il-Ġermanja. Ir-riżultat f’din il-kompetizzjoni kien suċċess kbir, għax il-banda irnexxielha tikkwalifika għall-finali tirbaħha b’punti massimi; 120 minn 120. Iktar tard fis-snin wieħed jista’ jsemmi li din il-banda daqqet il-mużika popolari iżda diffiċli “Carmina Burana”, kompożiżżjoni ta’ Carl Orff. Din is-silta mużikali indaqqet flimkien ma’ diversi korijiet u solisti f’Wallonia u Brussell.

Fil-preżent, il-PRC hi banda famuża u stabbilita li tieħu sehem fl-attivitajiet l-iktar popolari, tati diversi kunċerti u tieħu sehem fi skambji mużikali kemm ġewwa l-Belġju kif ukoll barra mill-pajjiż. Fost is-suċċessi riċenti, wieħed żgur għandu jara il-parteċipazzjoni fil-Beloeil musical nights fl-2005, l-organizzar tat-Tour “Chœurs et orchestre” u id-daqt ta’ Oratorju fuq il-leġġenda ta’ San Ġorġ f’Ottubru tal-2006 fejn ma’ din il-banda Belġjana ingħaqdu żewġ solisti minn “La chapelle Reine Elisabeth”.

Paġna li jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *