Planċier Artistiku

Kien waqt il-Festa ta’ San Lawrenz 1996 lis-Sur John Boxall gieh il-ħsieb li fl-armar tal-pjazza kien hemm nieqes Planċier biex jikkumplimenta l-armar sabiħ tal-pjazza ewlenija tal-Birgu. Huwa qasam dan il-ħsieb ma’ Emmanuel Attard u Ġużi Scicluna li qablu miegħu, u ddeċidew li jressqu din il-proposta biex isir Planċier lis-Sur Lawrence V. Farrugia, President tal-Każin.

Quddiem il-fatt li ma kien hemm l-ebda dettal fuq dan il-proġett, kien hemm diversi problemi bħal ta’ fejn sejjer jintrefa, l-finanzjar t’ eluf ta’ liri, l-manutenzjoni, riżorsi umani biex tarma u żżarma l-planċier u l-probelmi tekniċi li jġib miegħu proġett ta’ dan id-daqs. B’danakollu din il-proposta ġiet imressqa quddiem il-Kumitat Ċentrali fejn wara dibattitu fit-tul kien hemm qbil, b’kundizzjoni li r-responsabbilta` finanzjarja ta’ dan il-proġett tkun tal-Kummissjoni Planċier, li giet imwaqqfa għal dan il-għan. Ftit ġranet wara saret Laqgħa Ġenerali Straordinarja fejn ġie approvat dan il-proġett.

Il-Kummissjoni Planċier waqt waħda mill-ewwel laqgħatIl-Kummissjoni Planċier kienet komposta minn Lawrence V. Farrugia bħala President, Ġużi Scicluna, Emmanuel Attard, Anton Gellel, John Boxall u John Raggio. L-ewwel tlett membri baqgħu fil-Kummissjoni sal-aħħar tal-proġett. Il-Kummissjoni Planċier mill-ewwel bdiet tiltaqa’ regolarment u taħdem, tant li f’Settembru tal-istess sena sejħet laqgħa l-Ħadd filgħodu għad-dilettanti tal-Festa fejn ġie spjegat lilhom dan il-proġett ambizzjuż u ġew imħeġġa biex jagħtu l-kontribuzzjoni tagħhom.

Parti mill-qafas tal-Planċier armatMingħajr ma kien hemm disinn u nformazzjoni l-istima għal dan il-planċier kienet ta’ madwar Lm 30,000. Kien tajjeb li f’dak iż-żmien ma kienx hemm informazzjoni għaliex kieku l-planċier ma kienx isir. Issa li l-planċier huwa lest l-ispiża għal dan il-proġett qabzet l-€ 240,000 (Lm 100,000). Indubjament dan huwa l-akbar proġett li qatt sar minn għaqda volontarja fil-Belt tagħna.

Saret laqgħa ma’ Salvu Bugeja li huwa magħruf għax-xogħlijiet tiegħu fl-armar tal-Festi kif ukoll kellu esperjenza ta’ planċiera oħra u dan aċċetta li jidħol għad-disinn u skultura tal-planċier. Għalkemm il-kummissjoni xtaqet li jkollha stima tax-xog]ol, minħabba n-nuqqas ta’ pjanti u disinji dan ma kienx possibli. Salvu ma damx ma għamel disinn ta’ panew u pilastru tad-dawra tal-planċier. Dan ġie espost fin-notice board tal-Każin u kien intlaqa’ tajjeb ħafna u dan għin biex jiżdiedu l-kontribuzzjonijiet għal dan il-proġett.

Ġie avviċinat is-Sur Horace Fenech li kien Chief Draughtsman fil-Malta Drydocks biex jagħmel id-disinn tal-istrutttura tal-ħadid. Dan aċċetta li jagħmel id-disinn kif ukoll il-lista tal-materjal u qisien biex jitqatta’ l-materjal. Minħabba li Horace Fenech kien ħabib personali ta’ Lawrence V. Farrugia, dan għamel ix-xogħol kollu mingħajr ħlas. Wara ħafna taħbil il-moħħ biex jinstab post fejn jibda jinħadem il-qafas tal-ħadid, fl-aħħar sar ftehim mal-Kuratur tal-Mużew Marittimu u ġie allokat maħzen taħt l-arloġġ li hemm fil-bini tal-Mużew Marittimu. Mill-ewwel inxtara l-materjal, nġieb il-makkinarju meħtieġ u l-membri tal-Kummissjoni flimkien ma’ numru ta’ Helpers middu għonqhom għax-xogħol bl-akbar entużjażmu. Ix-xogħol tal-welding sar mis-Sur Anthony Callus. Il-ħsieb kien li l-istruttura tal-ħadid tibda tintuża fil-Festa ta’ San Lawrenz tal-1997.

Hekk sar u d-destin ried li dan il-Planċier li f’dak iż-żmien ħadd ma kien jaf bil-ġmiel u l-arti li kien sejjer ikun fih meta jitlesta, ġie mgħammed b’konċelebrazzjoni solenni fost pjazza maħnuqa bin-nies bil-preżenza tar-Relikwija qaddisa tar-Ras ta’ San Lawrenz li nġiebet għall-ewwel darba f’pajjiżna.

Meta trid minn nies ma jkunx possibli li tikkommetti ruħek meta sejjer jitlesta x-xogħol, l-aktar fuq proġett kbir bħal dan b’involviment ta’ numru ta’ kuntratturi. Dan sewa ħafna ġiri, argumenti u taqtiegħ il-qalb għal min kien responsabbli biex jikkordina dan il-proġett. Fil-Festa tal-1999 għall-ewwel darba ntramaw il-panewijiet u l-pilastri tal-madwar, iżżanżnu s-siġġijiet li qamu Lm 25 il-wieħed u li nġabru minn individwi, saru l-legijiet u l-ewwel bust tal-bronż tal-kompożitur ‘Giuseppe Verdi’.

Panew fuq wara tal-PlanċierWara li l-Kummissjoni kellha f’idejha l-ewwel biċċiet tal-iskultura tal-panewijiet kif ukoll il-maskaruni li hemm fuq il-pilastri ltaqgħet biex tiddeċiedi jekk jintuzax il-fibre li kien aktar faċli biex jinħadem u ħafna irħas. Imma l-Kummissjoni ddeċidiet li fuq il-planċier ma jintuzax fibre imma l-iskultura kollha ssir fuq l-injam. Għalhekk saru l-kuntatti neċessarji u saret ordni għall-Container yellow pine mill-Ingilterra għaliex dan il-materjal huwa artab u tajjeb biex tinħadem l-iskultura. Fil-Milied tal-istess sena jiġifieri tal-1999, l-artist Pawlu Camilleri Cauchi tana l-ewwel pittura minn ħdax li ġiet imfaħħra minn kulħadd. Tul is-sena tal-millenju ma tantx tlesta xogħol imma sar ħafna xogħol ta’ preparazzjoni. Għalhekk fis-sena 2001 il-planċier beda jilbes u d-dawra tal-planċier tlestiet kollha u kien hemm panew u żewġ pilastri kompluti bl-iskultura wkoll. Tlestiet ukoll iz-zukklatura, tmien bustijiet tal-kompożituri, erba’ pitturi u sar ix-xogħol tal-karpinterija tal-faċċata li nħadem mid-ditta Sacco Woodworks tal-Imqabba.

Wara l-esperjenza xejn tajba li kellha l-Kummissjoni fuq ix-xogħol tal-funderija tant li erbgħa mill-bustijiet kellhom jerġgħu jiġu mdewwba, meta tlesta l-mudell tar-‘railing’ tal-madwar tal-planċier saru kuntatti mal-Aġenti lokali tal-Kumpanija ‘Domus Dei’ t’ Albano li jinsab fl-akkwati ta’ Ruma biex tinġieb stima għal dan ix-xogħol. F’Novembru tal-2002, Lawrence V. Farrugia flimkien mar-rappreżentant tal-Agent E. Theuma & Co., marru Albano għal aktar diskussjonijiet u fil-fatt ġie konkluż il-ftehim. Ir-riżultat kien tal-aqwa kwalita` tant li f’Marzu reġgħu ttellgħu l-mudelli tal-bronż tal-faċċata tal-planċier u dan ix-xogħol tlesta fiż-żmien u ntrama fil-Festa tal-2003.

Il-progress tal-proġett kien jiddependi minn Salvu Bugeja bħala d-disinjatur u skultur ewlieni. Imma diżgrazzjatament waqt il-lant tax-xogħol Salvu ħa jdejh bil-magna u x-xogħol waqaf għal bosta xhur. Wara li Salvu Bugeja reġa’ beda jaħdem, tana l-mudelli tal-bronż tal-parti tan-nofs tal-faċċata. Dawn ittieħdu flimkien ma’ disinn tal-pilandri għand id-‘Domus Dei’ fejn sar qbil fuq il-prezz u li kellhom jitlestew sa Ġunju 2006. Il-pilandri ma ġewx ordnati għaliex il-prezz kien ta’ Lm 28,000, minbarra li kien hemm problema tal-piż li biex jintramaw kien ikun hemm bzonn l-assistenza ta’ crane. Għalhekk saru kuntatti mad-ditta J.A. Aquilina ta’ Ħal-Qormi u ġew ordnati t-tnax il-pilandra fejn l-ewwel erbgħa tlestgħu u ntramgħu fil-festa ta’ San Lawrenz tal-2006.Il-Planċier mhux lest

Issa l-planċier beda jidher il-ġmiel tiegħu, bl-iskultura tal-madwar kollha lesta, leġijiet u l-kolonni tagħhom miżbugħa, pittura lesta, l-faċċata lesta mingħajr skultura, ir-railing tal-bronż kollu lest u erba’ pilandri bil-qsari f’posthom. Il-Kummissjoni kienet determinata li sal-Festa tal-2007 irid jingħata spinta lil dan il-proġett bil-mira li jekk ikun possibli jiġi nawgurat qabel il-Festa tal-2008 meta l-Każin ikun qiegħed jiċċelebra l-125 anniversarju tal-Banda.

Saru arranġamenti mal-Arċipriet l-Kan. Joe Caruana biex jintrama l-planċier fis-Sala Parrokjali biex kien hemm xi nuqqasijiet jiġu rranġati kif ukoll tinbidel is-sistema ta’ kif jintramaw il-panewijiet li minflok iserrħu fuq iz-zukklatura tad-diżlivell, jiddendlu mal-ħadid. Il-ħsieb wara dan it-tibdil kien biex jekk ikun hemm in-neċessita` li l-planċier jimxi mill-post fejn qiegħed jintrama, minħabba l-bini mill-ġdid tat-Torri tal-Arloġġ, kull ma jkun irid isir huwa li tittranġa z-zukklatura biss. Membri tal-Kummissjoni mgħejjuna minn membri oħra middew għonqom għax-xogħol fejn tellgħu passati taż-żebgħa u xkatlar tal-injam kollu, għall-lest biex jingħata l-aħħar passata u ssir l-induratura. Dan kien xogħol li ħa ħafna ħin imma ġew frankati eluf ta’ liri.

Wasal il-ħin tad-deċiżjoni ta’ min kien sejjer jiżbogħ u jindura l-Planċier. Issemmgħu bosta ismijiet, imma l-Kummissjoni Planċier u l-Kumitat Ċentrali qablu u għamlu ftehim formali ma’ Andrew Bugeja mgħejjun fix-xogħol tal-induratura minn Roderick Busuttil. Ix-xogħol ġie mfaħħar ħafna kemm minn Salvu Bugeja d-disinjatur, kif ukoll mill-poplu Vittoriosan. Għall- festa tal-Għid tal-2007 tlestiet sezzjoni tal-planċier li ġiet esebita fil-Każin għall-kritika tal-pubbliku.

Ir-riżultat tal-ħidma kbira flimkien mal-kordinament tal-protagonisti kollha nvoluti f’dan il-proġett dehret meta ntrama’ l-planċier għall-festa tal-2007 għaliex minbarra l-iskultura, ż-żebgħa u l-induratura tal-faċċata l-planċier kien kważi lest. Il-piż ta’ dan il-proġett flimkien mal-ħafna xogħol ieħor fil-Każin kien qiegħed jinħass sewwa mill-amministrazzjoni l-aktar minn dawk li kienu nvoluti dirett f’dan il-proġett. Għalhekk kibret id-determinazzjoni li dan il-proġett jitlesta sal-Festa tal-2008.

Il-Faċċata tal-Planċier

Dlonk għaddiet il-Festa tal-2007, saru laqgħat ma’ Salvu Bugeja u Sacco Woodworks dwar modifikazzjoni li riedet issir fil-faċċata kif ukoll il-ħafna skultura li kienet trid tinħadem, tinżebagħ u tiġi ndurata. Kien fadal ukoll isiru tubi tal-bronż b’ornament fuqhom li jgħaqqdu l-kolonni tal-faċċata. Wara li ma kienx hemm garanzija minn funderija lokali li dawn kienu sejrin jiġu l-istess kulur tax-xogħol tal-bronż l-ieħor, ġie deċiz li dan ix-xogħol jiġi ordnat għand id-ditta Domus Dei f’Albano.

Waħda mill-problemi li żammet lill-Kummissjoni pre-okkupata għal snin twal kien lokal fejn jintrefa’ l-planċier. Għalkemm saru tentattivi għal diversi postijiet, ma rnexxiliex li tikkonkludi x-xiri jew kiri ta’ maħżen. Din is-sitwazjoni tant dehret diffiċli li fil-bidu tas-sena 2007 il-Kumitat Ċentrali tal-Każin beda proċeduri u tefa’ l-permess biex tinbena sala oħra fuq is-sala tal-Kunċerti tal-Każin. Imma fl-aħħar bl-għajnuna tas-Sindku u l-Kunsill Lokali rnexxielha tikri maħżen taħt il-belvedere li l-Kunsill bena fuq tal-Ħawli. Il-ftehim tal-kirja sar fid-9 ta’ Jannar tal-2008.

Dan il-proġett li bir-raġun jissejjaħ ‘ambizzjuż’ qatt ma kellu problemi finanzjarji, anzi kien hemm żminijiet li l-Kummissjoni kellha l-flus imma ma setgħetx tagħmel użu minnhom. Kull min ħadem fuq dan il-proġett tħallas mill-ewwel tant li l-kuntrattturi kienu jgħidu ‘kellu bżonn kulħadd huwa bħalkom fil-ħlasijiet’.

Kienu ħafna li taw is-sehem tagħhom għal dan il-proġett għaliex in-nies tal-Birgu riedu li jkollhom planċier artistiku fil-pjazza. Is-siġġijiet, il-bustijiet u ħafna mill-pitturi ngħataw minn individwi. Biss l-akbar benInawgurazzjoni tal-Planċierefattur tal-planċier kien is-Sur Ġużi Scicluna u wara l-Każin tal-Banda San Lawrenz. Il-Planċier minbarra sbuħija tiegħu li huwa fuq stil differenti minn oħrajn huwa wieħed mill-akbar planċiera li hawn f’Malta, b’faċċata ta’ madwar 38 pied. Fuq il-planċier hemm spazju biżżejjed għall-banda kbira, kor u kantanti.

 

Dan il-Planċier Artistiku ġie nawgurat nhar l-Erbgħa 30 ta’ Lulju 2008 mill-President Onorarju tas-Soċjeta’ is-Sur Joseph Scicluna flimkien mal-President tas-Soċjeta` is-Sur Lawrence V. Farrugia fejn wara sar Programm Vokali u Strumentali mill-Banda Vittoriosana San Lawrenz. Din l-okkażżjoni memorabbli għalqet iċ-ċelebrazzjonijiet li s-Soċjeta` Mużikali Banda Vittoriosana San Lawrenz organizzat biex tfakkar il-125 sena tas-Soċjeta`.

Madanakollu, għalkemm il-Planċier ġie inawgurat, kien għad jonqsu biċċa xogħol kbira oħra, leġiju li jixraq mal-planċier. Peress li l-mibki Salvu Bugeja kien laħaq miet mingħajr ma ħalla disinn, bdew isiru diskussjonijiet ma’ disinjaturi differenti sabiex dan il-proġett ikun jista’ jseħħ realtà`. Wara diversi tentattivi, intagħżel id-disinn ta’ Renzo Gauci għal dan il-Leġiju artistiku.

Dan il-Leġiju ferm sabiħ ġie inawgurat nhar is-7 t’Awwissu 2014 mill-President tas-Soċjeta`, is-Sur Lawrence V. Farrugia flimkien mal-benefattur wara dan il-Proġett, is-Sur Konrad Baldacchino. Fl-aħar nistgħu ngħidu li n-naħa ta’ fuq tal-planċier meraviljuż hi kompluta, b’ġawhra ta’ Leġiju li tixraq lil dan il-planċier u l-armar tal-Pjazza tal-Belt Vittoriosa.

 

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *