Għalliema Mużikali

Mro Francois Borg – Assistent Surmast

Mro Francois BorgFrancois Borg iben Anthony u Carmen Borg, twieled fis-7 ta’ Jannar 1988. Huwa attenda edukazzjoni terzjarja fl-MCAST ġewwa Raħal Ġdid, fejn ikkwalifika fil-qasam tat-teknologija u aktar ‘l quddiem, permezz ta’ korsijiet part-time ikkwalifika bħala Network Administrator . Ix-xogħol primarju tiegħu huwa ta’ IT Administrator fil-qasam tal-Edukazzjoni.

Fl-eta’ ta 6 snin Francois beda jitgħallem il-mużika għand John David Zammit fejn ħa tagħlim bażiku kemm tal-kitba kif ukoll fuq il-pjanu. Fl-eta’ ta’ għaxar snin huwa kien imħajjar jibda jdoqq il-klarinett minn Vincent Bonnici, li għallem lil Francois għal tul ta’ 5 snin. Il-ħajra mużikali kompliet titkattar fih permezz ta’ ħuħ Ivan Borg li huwa mużiċist full-time mal-banda tal-Forzi Armati ta’ Malta. Għal ċertu żmien l-aħwa Borg studjaw il-mużika flimkien. Wara sentejn ta’ tagħlim, l-istess Vincent Bonnici ressaq lil Francois biex jibda jieħu sehem fi programmi mużikali. L-ewwel banda li daqq magħha kienet dik ta’ Birżebbugia San Pietru Fil-Ktajjen fejn kienu indaqqew żewġ siltiet fuq programm televiżiv ta’ dak iż-żmien.

Mariah Treeby u Thomas Farrugia flimkien ma' Mro Jonathan Abela bħala bandisti ġodda mal-Banda San Lawrenz fis-sena 2015Francois kompla jistudja t-Teorija għand Raymond Sciberras u pjanu għand Joseph Caruana, iben il-mibki Surmast Carmelo Caruana. Francois kiseb ħafna esperjenza fi żmien meta inagħaqad mal-Banda King’s Own fejn kellu x-xorti jdoqq taħt l-istess surmast imsemmi Carmelo Caruana għal ħames programmi konsekuttivi fl-Istitut Kattoliku , il-Floriana. Francois ssokta l-istudji tiegħu fuq il-klarinett għand Godfrey Mifsud li għadu jiggwidah sal-lum il-ġurnata.

Fis-sena 2013 Francois ġie avviċinat mis-surmast Jonathan Abela biex jibda jgħallem l-istrumenti tal-qasba fil-każin San Ġużepp tal-Kalkara, fejn l-istess Banda, fil-21 ta’ Settembru tal- istess sena ħatritu assistent surmast. Bla dubju, din kienet esperjenza siewja għal Francois kemm bħala għalliem tal-mużika kif ukoll bħala direzzjoni tal-Banda. Dan għaliex fl-2014, huwa dderieġa siltiet ta’ mużika li l-Banda San Ġużepp tal-Kalkara esegwiet bħala parti mill-Programm Mużikali tal-festa. Huwa kellu wkoll diversi opportunitajiet li jdoqq bħala solist mal-istess Banda San Ġużepp u ma’ diversi baned oħra madwar Malta.

Mro Andrew Zarb – Għalliem

Andrew Zarb twieled fis-6 ta’ Frar 1983 u tgħammed fil-Kolleġġjata ta’ Bormla. Missieru Joseph (miet 9 snin ilu fit-28 ta’ Novembru tas-sena 2007) u ommu Lorenza Vincenza xebba Galea u hi mill-Birgu. Andrew Zarb għandu wkoll ħuħ li jismu Terence u li hu wkoll idoqq il-kurunetta mal-Banda San Lawrenz. Andrew Zarb attenda l-iskola primarja ta’ Bormla, imbgħad sekondarja il-Junior Lyceum ta’ Verdala fil-waqt li Andrew Zarbllum hu jaħdem bħala LSA fil-kulleġġ St. Thomas Moore (ex Carlo Diacono) iż-Żejtun. Andrew hu miżżewweġ lil Charlene.

Andrew Zarb ħabb il-mużika minn ċkunitu. Hu kompla ġie mħajjar għall-mużika min- nannuh Carmelo Galea. Minn dejjem kienu jogħġbuh il-mużika tal-knisja u l-marċi. Nannuh kien jieħdu miegħu l-festi u meta rah imħajjar ħeġġu biex jibda jitgħallem il-mużika. Huwu beda jitgħallem fil-Banda San Ġorġ mas-surmast Karmenu Vella fis-sena 1990. Bħall-alljievi l-oħrajn hu beda jitgħallem it-teorija pero` bħala għażla għall-kurunetta kien ħajru missieru. Andrew kompla jitgħallem taħt William Abott u Vince Bonnici  sakemm fl-1993 Ray Sciberras inħatar Surmast Direttur tal-Banda San Ġorġ u Andrew beda jitgħallem għandu. Ta’ 10 snin Andrew ħareġ idoqq għall-ewwel darba fid-19 ta’ Novembru 1994.

Is-surmast Ray Sciberras għaraf li Andrew kellu potenzjal u wera fiduċja assoluta fih meta għamlu is-solista tal-kurunetta meta kellu biss 13 il-sena. L-ewwel silta li qatt daqq kienet silta impenjattiva ħafna El Camarata ta’ Jimmy Worley fejn għamel suċċess kbir. Fis-sena 2004 fl-okkażjoni importanti tal-10 anniversarju mindu Ray Sciberras inħatar Surmast tal-Banda San Ġorġ, dan is-surmast kien ikkompona Atrumpet ballad u afda lil Andrew biex iżanżanha.

Andrew Zarb kompla Bandisti ġodda 2016jistudja l-mużika fl-iskola Johann Strauss, fejn tgħallem taħt is-surmast Joe Agius bħala prattika fuq il-kurunetta u kien u għadu jagħmel ħafna ħin jistudja waħdu. Fis-sena 2010 beda jistudja għand is-surmast Paul Borg. Huwa kompla jirfina l-prattika avanzata u għamel l-eżamijiet u ġab id-diplomi ALCM  LLCM  u l-FLCM li hu l-ogħla grad tal-London College of Music.  Andrew ilum għadu jistudja fosthom il-jazz improvisation fejn beda ma’ Freddie Mizzi u issa ma’ Dominic Galea. Bħalissa wkoll għadu sal-lum jistudja it-teorija u l-kompożizzjoni għand Ray Sciberras.

Andrew Zarb diġa` kkompona diversi marċi brijużi, marċi funebri, kanzunetti, bċejjeċ ta’ mużika sagra kif ukoll marċi proċessjonali fosthom l-innu ‘Rajt glorja kbira f’martirju aħrax’, li ġie varat fl-okkażjoni tal-1750 mill-martirju ta’ San Lawrenz u jindaqq waqt il-proċessjoni tagħna. Andrew jdoqq programmi ma’ diversi baned kif ukoll ma’ diversi bands mużikali f’diversi ġeneri b’mod speċjali il-jazz, kif ukoll hu membru fil-Cappella Diacono. Andrew Zarb inħatar għalliem tas-sezzjoni tar-ramm tal-Banda San Lawrenz fis-sena 2016.